Terrosa Pen

Video

Fuljett ta’ tagħrif

Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-utent

Terrosa 20 microgramma/80 mikrolitri soluzzjoni għall-injezzjoni
Teriparatide

Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tuża din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik.

  • Żomm dan il-fuljett. Jista’ jkollok bżonn terġa’ taqrah.
  • Jekk ikollok aktar mistoqsijiet, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.
  • Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek biss. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara anke jekk għandhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.
  • Jekk ikollok xi effett sekondarju kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.

F’dan il-fuljett

  1. X’inhu Terrosa u għalxiex jintuża
  2. X’għandek tkun taf qabel ma tuża Terrosa
  3. Kif għandek tuża Terrosa
  4. Effetti sekondarji possibbli
  5. Kif taħżen Terrosa
  6. Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

1. X’inhu Terrosa u gћalxiex jintuża

Terrosa fih is-sustanza attiva teriparatide li jintuża biex issaħħaħ l-għadam u biex inaqqas ir-riskju ta’ ksur billi jistimula l-formazzjoni tal-għadam.

Terrosa jintuża għall-kura ta’ l-osteoporożi fl-adulti. L-osteoporożi hija marda li ġġiegħel lill- għadam tiegħek jirqaqu u jiddgħajjfu. Din il-marda hija speċjalment komuni fin-nisa wara l- menopawża iżda tista’ sseħħ ukoll fl-irġiel. L-osteoporożi hija wkoll komuni f’pazjenti li qegħdin jingħataw mediċini msejħa kortikosterojdi.

2. X’għandek tkun taf qabel ma tuża Terrosa

Tużax Terrosa:

  • jekk inti allerġiku/a għal teriparatide jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina (imniżżla fis‑sezzjoni 6).
  • jekk għandek livelli għolja ta’ calcium fid-demm tiegħek (iperkalċemija eżistenti minn qabel).
  • jekk tbati minn problemi serji fil-kliewi.
  • jekk qatt kellek kanċer ta’ l-għadam jew jekk xi kanċer ieħor infirixlek (immetastatizza) fl-għadam.
  • jekk għandek xi tip ta’ mard ta’ l-għadam. Jekk għandek xi marda fl-għadam, għid lit-tabib tiegħek.
  • jekk għandek livelli għoljin ta’ alkaline phosphatase fid-demm mingħajr ma taf għaliex, li tfisser li jista’ jkun li għandek il-marda tal-għadam ta’ Paget (marda fejn ikun hemm bidliet mhux normali fl-għadam). Jekk m’intix ċert staqsi lit-tabib.
  • jekk kellek terapija bir-radjazzjoni fejn kienu involuti l-għadam.
  • jekk int tqila jew qed tredda’.

Twissijiet u prekawzjonijiet

Terrosa jista’ jżid il-calcium fid-demm jew fl-awrina.

Kellem lit-tabib tiegħek qabel jew waqt li qed/a tuża Terrosa:

  • jekk b’mod kontinwu għandek it-tqalligħ, ir-rimettar, l-istitikezza, tħossok bla saħħa jew għandek il-muskoli dgħajfin. Dawn jistgħu’ jkunu sinjali li għandek wisq calcium fid-demm.
  • jekk tbati minn ġebel fil-kliewi jew kellek ġebel fil-kliewi.
  • jekk tbati minn xi problemi tal-kliewi (indeboliment moderat tal-kliewi).

Wara l-ewwel ftit dożi ta’ Terrosa xi pazjenti jħossuhom sturduti jew ikollhom il-qalb li tibda tħabbat b’mod mgħaġġel. Għall-ewwel dożi, Terrosa għandu jiġi injettat f’post fejn, jekk tħoss li ġej xi sturdament, tkun tista’ mal-ewwel toqgħod bilqiegħda jew timtedd.

M’għandekx taqbeż iż-żmien rakkomandat ta’ kura ta’ 24 xahar.

Qabel iddaħħal l-iskartoċċ f’Terrosa Pen ikteb in-numru tal-lott tal-iskartoċċ u l-ewwel data ta’ injezzjoni tiegħu fuq il-kartuna ta’ barra tal-iskartoċċ u pprovdi din l-informazzjoni meta tirrappurta xi effett sekondarju.

Terrosa m’għandux jintuża f’adulti li għadhom qed jikbru.

Tfal u adolexxenti

Terrosa m’ għandux jintuża fit-tfal u fl-adolexxenti (li għandhom inqas minn 18-il sena).

Mediċini oħra u Terrosa

Għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qed tuża, użajt dan l-aħħar jew tista’ tuża xi mediċini oħra.

Dan huwa importanti, għax xi mediċini (eż, digoxin/digitalis, mediċina għall-kura tal-mard fil-qalb) jistgħu jinteraġixxu ma’ teriparatide.

Tqala u treddigħ

Tużax Terrosa jekk int tqila jew qed tredda’. Jekk inti mara li tista’ toħroġ tqila, għandek tuża metodi effettivi ta’ kontraċezzjoni waqt l-użu ta’ Terrosa. Jekk toħroġ tqila waqt li tuża Terrosa, Terrosa għandu jitwaqqaf. Itlob il-parir tat-tabib jew tal-ispiżjar tiegħek qabel tieħu din il-mediċina.

Sewqan u tħaddim ta’ magni

Xi pazjenti jistgħu jħossu sturdament wara li jinjettaw it- Terrosa. Jekk tħossok sturdut m’ għandekx issuq jew tħaddem magni sakemm tkun tħossok aħjar.

Terrosa fih is-sodium

Din il-mediċina fiha anqas minn 1 mmol sodium (23 mg) f’kull doża, jiġifieri essenzjalment ‘ħieles mis-sodium’.

3. Kif gћandek tuża Terrosa

Dejjem għandek tuża din il-mediċina skont il-parir eżatt tat-tabib. Dejjem għandek taċċerta ruħek mat- tabib jew mal-ispiżjar tiegħek jekk ikollok xi dubju.

Id-doża rrakkmandata hija ta’ 20 mikrogramma (li tikkorrispondi għal 80 mikrolitru) mogħtija darba kuljum b’injezzjoni taħt il-ġilda fil-koxxa jew fl-addome.
Bħala għajnuna biex tiftakar tuża l-mediċina tiegħek, injettaha madwar l-istess ħin kuljum. Terrosa jista’ jiġi injettat waqt ħin l-ikel. Injetta Terrosa kuljum għal kemm jgħidlek it-tabib tiegħek. It-tul totali tal-kura b’Terrosa m’ għandux ikun aktar minn 24 xahar. M’għandekx tirċievi iżjed minn kors wieħed ta’ kura ta’ 24 xahar tul il-ħajja kollha tiegħek.
It-tabib tiegħek jista’ jagħtik parir biex tuża Terrrosa ma’ calcium u vitamina D. It-tabib tiegħek se jgħidlek kemm għandek tieħu kuljum.

Terrosa jista’ jingħata ma l-ikel jew fuq stonku vojt.

L-iskrataċ ta’ Terrosa huma maħsuba biex jintużaw biss mas-sistema għall-għoti ta’ mediċina ta’ ħafna dożi ta’ Terrosa Pen, li terġa’ tintuża u ma’ labar tal-pinna kompatibbli. Il-pinna u l-labar tal-injezzjoni mhumiex inklużi ma’ Terrosa. Madankollu, għall-bidu tal-kura għandu jintuża pakkett ta’ skartoċċ u pinna li fih kartuna ta’ ġewwa waħda ta’ Terrosa skartoċċ u kartuna ta’ ġewwa waħda ta’ Terrosa Pen.

Il-pinna tista’ tintuża ma’ labar tal-injezzjoni żviluppati skont l-istandard ISO tal-labra tal-pinna ta’ gejġ bejn 29 G u 31 G (dijametru ta’ 0.25 – 0.33 mm) u tul ta’ bejn 5 mm u 12.7 mm għal injezzjoni taħt il-ġilda biss.

Qabel l-ewwel użu, daħħal l-iskartoċċ fil-pinna. Għall-użu korrett ta’ din il-mediċina huwa importanti li ssegwi bir-reqqa l-Istruzzjonijiet għall-Użu dettaljati tal-pinna tiegħek li huma pprovduti mal-pinna.

Uża labra għall-injezzjoni ġdida għal kull injezzjoni biex tevita kontaminazzjoni u armi l-labra b’mod sigur wara l-użu.
Qatt taħżen il-pinna bil-labra mwaħħla magħha.
Qatt taqsam il-pinna ma’ ħaddieħor.
Tużax Terrosa Pen tiegħek biex tinjetta xi mediċina oħra (eż. insulina).
Il-pinna hija maħsuba biex tintuża ma’ Terrosa biss.
Terġax timla l-iskartoċċ.
Tittrasferixxix il-mediċina f’siringa.

Għandek tinjetta Terrosa ftit wara li toħroġ il-pinna bl-iskartoċċ ġo fiha mill-friġġ. Qiegħed il-pinna bl-iskartoċċ ġo fiha lura fil-friġġ mill-ewwel wara li tkun użajtha. Tneħħix l-iskartoċċ mil-pinna wara kull użu. Aħżinha fil-kaxxa tal-iskartoċċ matul il-perjodu kollu ta’ kura ta’ 28 ġurnata.

It-tħejjija tal-pinna għall-użu

  • Biex tiżgura l-għoti korrett ta’ Terrosa dejjem aqra l-Istruzzjonijiet għall-Użu ta’ Terrosa Pen, li huma inklużi fil-kaxxa tal-pinna.
  • Aħsel idejk qabel ma timmaniġġja l-iskartoċċ jew il-pinna.
  • Iċċekkja d-data ta’ skadenza fuq it-tikketta tal-iskartoċċ qabel ma ddaħħal l-iskartoċċ ġol-pinna. Kun żgur li fadal mill-inqas 28 jum qabel id-data ta’ skadenza tiegħu. Daħħal l-iskartoċċ fil-pinna qabel l-ewwel użu kif indikat fl-istruzzjonijiet tal-pinna. Niżżel in-numru tal-lott ta’ kull skartoċċ qabel l-ewwel data ta’ injezzjoni tiegħu fuq kalendarju. Id-data tal-ewwel injezzjoni għandha tiġi rreġistrata wkoll fuq il-kartuna ta’ barra ta’ Terrosa (ara l-ispazju pprovdut fuq il-kaxxa: {L-ewwel użu:}).
  • Wara li ddaħħal skartoċċ ġdid u qabel l-ewwel injezzjoni minn dan l-iskartoċċ, ipprajmja (prime) l-pinna skont l-istruzzjonijiet li huma pprovduti. Wara l-ewwel doża terġax tipprajmjaha.

L-injezzjoni ta’ Terrosa

  • Qabel tinjetta Terrosa, naddaf il-parti tal-ġilda tiegħek fejn fiha beħsiebek tagħti l-injezzjoni (koxxa jew addome) kif indikat mit-tabib tiegħek.
  • Bil-mod aqbad tinja ġilda mnaddfa u daħħal il-labra direttament fil-ġilda. Agħfas il-buttuna tal-injezzjoni u żommha magħfusa sakemm l-indikazzjoni tad-doża tkun irritornat fil-pożizzjoni ta’ bidu.
  • Wara l-injezzjoni tiegħek, ħalli l-labra fil-ġilda għal sitt sekondi biex tkun żgur li rċevejt id-doża sħiħa.
  • Hekk kif tkun lestejt l-injezzjoni, waħħal it-tapp protettiv ta’ barra tal-labra, fuq il-labra tal-pinna u dawru lejn ix-xellug (anti-clockwise) biex tneħħi l-labra tal-pinna. Dan se jżomm il-bqija ta’ Terrosa sterili u jevita tnixxija mil-pinna. Dan se jżomm ukoll l-arja milli tmur lura fl-iskartoċċ u l-labra milli tinstadd.
  • Poġġi t-tapp fuq il-pinna tiegħek. Ħalli l-iskartoċċ fil-pinna.

Jekk tuża Terrosa aktar milli suppost

Jekk, bi żball, tuża aktar Terrosa milli suppost, ikkuntattja lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.
L-effetti mistennija minħabba doża eċċessiva jinkludu tqalligħ, rimettar, sturdament u wġigħ ta’ ras.

Jekk tinsa tuża Terrosa

Jekk tinsa tieħu injezzjoni jew ma tistax tuża l-mediċina tiegħek fil-ħin tas-soltu, injettaha malajr kemm jista’ jkun f’dik il- ġurnata. M’għandekx tieħu doża doppja biex tpatti għal doża li tkun insejt tieħu. Fl-istess ġurnata tieħux iżjed minn injezzjoni waħda.

Jekk tieqaf tuża Terrosa

Jekk qed/a taħseb biex twaqqaf il-kura b’Terrosa, jekk jogħġbok iddiskutiha mat-tabib tiegħek. It-tabib tiegħek se jagħtik parir u jiddeciedi kemm għandek iddum tieħu l-kura b’Terrosa.

Jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ din il-mediċina, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.

4. Effetti sekondarji possibbli

Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’kulħadd.

L-aktar effetti sekondarji komuni huma l-uġigħ fid-dirgħajn u fir-riġlejn (il-frekwenza hi komuni ħafna, tista’ tolqot aktar minn persuna 1 minn kull 10). Effetti sekondarji komuni oħrajn (li jaffettwaw sa 1 minn kull 10 persuni) jinkludu tħossok ma tiflaħx, uġigħ ta’ ras u sturdament. Jekk tħossok sturdut (tħoss rasek iddur) wara l-injezzjoni, għandek tpoġġi jew timtedd sakemm tħossok aħjar. Jekk ma tħossokx aħjar, għandek issejjaħ lit-tabib tiegħek qabel ma tkompli l-kura. Seħħew każijiet ta’ ħass ħażin wara l-użu ta’ teriparatide.

Jekk ikollok xi skumdità madwar il-post fejn issir l-injezzjoni bħal ħmura fil-ġilda, uġigħ, nefħa, ħakk, tbenġil jew xi telf minimu ta’ demm (li jistgħu jseħħu b’mod komuni), din għandha tgħaddi fi ftit jiem jew ġimgħat. Inkella għid lit-tabib tiegħek.

Rarament (jistgħu jolqtu sa persuna 1 minn kull 1 000),xi pazjenti jistgħu jsofru minn reazzjonijiet allerġiċi, li jkunu jikkonsistu fiqtugħ ta’ nifs, nefħa tal-wiċċ, raxx u uġigħ fis-sider. Dawn ir-reazzjonijiet normalment iseħħu ftit wara l-injezzjoni. F’każijiet rari, jistgħu jseħħu reazzjonijiet allerġiċi serji li jinkludu l-anafilassi u li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-ħajja.

Effetti sekondarji oħra jinkludu:

Komuni (jistgħu jolqtu sa persuna 1 minn kull 10 persuni)

  • żieda fil-livell tal-kolesterol fid-demm
  • depressjoni
  • uġigħ fin-nervi tar-riġlejn
  • ħass ħażin
  • sensazzjoni li tħoss kollox idur
  • taħbit irregolari tal-qalb
  • qtugħ ta’ nifs
  • żieda fl-għaraq
  • bugħawwieġ fil-muskoli
  • nuqqas ta’ enerġija
  • għeja
  • uġigħ fis-sider
  • pressjoni baxxa tad-demm
  • ħruq ta’ stonku (sensazzjoni ta’ uġigħ jew ħruq eżatt taħt l-għadma ta’ nofs is-sider)
  • rimettar
  • ftuq tat-tubu li jġorr l-ikel għall-istonku tiegħek (hiatus hernia)
  • ammont baxx ta’ emoglobina jew taċ-ċelluli ħomor fid-demm (anemija)

Mhux komuni (jistgħu jolqtu sa persuna 1 minn kull 100 persuni)

  • taħbit aktar mgħaġġel tal-qalb
  • ħoss mhux normali fil-qalb
  • qtuġħ ta’ nifs
  • murliti (emorrojdi)
  • ċarċir ta’ l-awrina
  • żieda fil-bżonn li tgħaddi l-awrina
  • żieda fil-piż
  • ġebel fil-kliewi
  • uġigħ fil-muskoli u uġigħ fil-ġogi. Xi pazjenti kellhom bugħawwieġ jew uġigħ sever fid-dahar, jew uġiegħ li wassal biex xi ħadd jidħol l-isptar
  • żieda fil-livell tal-kalċju fid-demm
  • żieda fil-livell tal-aċtu uriku fid-demm
  • żieda f’enzima msejħa alkaline phosphatase

Rari (jistgħu jolqtu sa persuna 1 minn kull 1,000 persuni)

  • tnaqqis fil-funzjoni tal-kliewi, inkluża l-insuffiċjenza renali
  • nefħa l-iżjed fl-idejn, fis-saqajn u fir-riġlejn

Rappurtar tal-effetti sekondarji

Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali mniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l-effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il-mediċina.

5. Kif taħżen Terrosa

Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.

Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq il-kartuna u l-pinna wara JIS/EXP. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.

Aħżen fi friġġ (2°C – 8°C). Tiffriżax.
Żomm l-iskartoċċ fil-kartuna ta’ barra sabiex tilqa’ mid-dawl.

Tista’ tuża Terrosa sa 28 jum wara l-ewwel injezzjoni diment li l-iskartoċċ/pinna bl-iskartoċċ imdaħħal ikun maħżun a fi friġġ (2°C – 8°C).

Evita li tqiegħed l-iskartoċċ qrib tal-kompartiment tas-silġ fil-friġġ biex ma tiffriżax. Tużax Terrosa jekk huwa, jew ġie, iffriżat.

Kull skartoċċ għandu jintrema kif jixraq wara 28 jum mill-ewwel użu, anke jekk mhux kompletament vojt.

Terrosa fih soluzzjoni ċara u mingħajr kulur. Tużax Terrosa jekk jidhru frak jew jekk is- soluzzjoni hija mdardra jew ikkulurita.

Tarmix mediċini mal-ilma tad-dranaġġ jew mal-iskart domestiku. Staqsi lill-ispiżjar tiegħek dwar kif għandek tarmi mediċini li m’għadekx tuża. Dawn il-miżuri jgħinu għall-protezzjoni tal-ambjent.

6. Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra

X’fih Terrosa:

  • Is-sustanza attiva hi teriparatide. Kull doża ta’ 80 mikrolitru fiha 20 mikrogramma ta’ teriparatide. Skartoċċ wieħed ta’ 2.4 mL fih 600 mikrogramma ta’ teriparatide (li jikkorrispondu għal 250 mikrogramma għal kull mL).
  • Is-sustanzi mhux attivi l-oħra huma: glacial acetic acid, mannitol, metacresol, sodium acetate trihydrate, hydrochloric acid (għall-aġġustament tal-pH), sodium hydroxide (għall-aġġustament tal-pH), u ilma għall-injezzjoni (ara sezzjoni 2 “Terrosa fih is-sodium”).

Kif jidher Terrosa u l-kontenut tal-pakkett

Terrosa huwa soluzzjoni għall-injezzjoni (injezzjoni) bla kulur u ċara. Issibu ġo stoċċ. Kull skartoċċ fih 2.4 mL ta’ soluzzjoni li huma biżżejjed għal 28 doża.

Daqsijiet tal-pakkett: skartoċċ wieħed jew 3 skrataċ ippakkjati fi trej tal-plastik issiġillat b’għatu tal-fojl u ppakkjati f’kaxxa tal-kartun.

Terrosa pakkett ta’ skartoċċ u pinna: Terrosa skartoċċ 1 ippakkjat fi trej tal-plastik issiġillat b’għatu tal-fojl u ppakkjat f’kartuna ta’ ġewwa u Terrosa Pen 1 ippakkjata f’kartuna ta’ ġewwa.

Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu fis-suq.

Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis‑Suq u l-Manifattur

Gedeon Richter Plc.
Gyömrői út 19-21.
1103 Budapest
L-Ungerija

Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’

Sorsi oħra ta’ informazzjoni

Informazzjoni dettaljata dwar dan il-prodott hija disponibbli wkoll billi tiskennja l-kodiċi QR inkluż hawn taħt jew il-kartuna ta’ barra bi smartphone, L-istess informazzjoni hija disponibbli wkoll fuq l-URL li ġej: www.terrosapatient.com

Informazzjoni dettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini: http://www.ema.europa.eu

Istruzzjonijiet għall-użu

Terrosa Pen

Pinna Injettur li Terġa’ Tintuża li għandha tintuża mal-iskartoċċi ta’ Terrosa għal injezzjonijiet taħt il-ġilda

Dejjem segwi l-istruzzjonijiet ipprovduti hawn taħt u fuq il-paġna ta’ wara meta tuża t-Terrosa Pen.

Partijiet tat-Terrosa Pen

buttuna fejn tagħfas; tieqa tad-displej; stud; flanġ; Terrosa skartoċċ; fojl li jitqaxxar; labra tal-pinna; għatu ta’ ġewwa tal-labra; għatu ta’ barra tal-labra; għatu tal-pinna; kontenitur tal-iskartoċċ, pum tad-dożaġġ, korp

Preparazzjoni tal-pinna – L-ewwel użu/bdil tal-iskrataċ

Ikteb id-data tal-ewwel injezzjoni ta’ kull skartoċċ ġdid. Dan jgħinek tkun taf meta jintużaw it-28 doża ta’ kuljum f’kull skartoċċ (ara s-Sezzjoni 2 “Twissijiet u prekawzjonijiet” u s-Sezzjoni 3 “It-tħejjija tal-pinna għall-użu” fil-Fuljett ta’ tagħrif ta’ Terrosa).

Segwi l-istruzzjonijiet kull darba li ddaħħal Terrosa skartoċċ ġdid fit-Terrosa Pen tiegħek. Tirrepetix dan qabel kull injezzjoni ta’ kuljum, inkella mhux se jkollok biżżejjed Terrosa għal 28 jum.
Aqra l-fuljett ta’ tagħrif għal Terrosa skartoċċ ipprovdut separatament.

A: Neħħi l-għatu tal-pinna.

B: Neħħi l-kontenitur tal-iskartoċċ billi ddawwru (agganċ bayonet).

C: Neħħi l-iskartoċċ il-vojt, fil-każ li tibdel l-iskartoċċ. Daħħal Terrosa skartoċċ ġdid fil-kontenitur tal-iskartoċċ, bl-għatu mitjun tal-metall tal-iskartoċċ l-ewwel.

D: Imbotta lura l-istud bil-mod b’subgħajk, f’linja dritta u sakemm jagħtik. Dan mhux meħtieġ meta l-virga tkun diġà fil-pożizzjoni tal-bidu, bħal meta tużaha għall-ewwel darba. Ma tistax timbotta l-istud lura sa wara tal-korp tal-pinna għalkollox.

E: Waħħal il-kontenitur tal-iskartoċċ mal-korp billi ddawru 90 grad, sakemm jieqaf.

F: Waħħal labra tal-pinna ġdida kif ġej:

  • Iġbed il-fojl li jitqaxxar.
  • Dawwar il-labra tal-pinna skont l-arloġġ għal fuq il-kontenitur tal-iskartoċċ. Agħmel ċert li l-labra tal-pinna tkun imwaħħla sew u toqgħod soda ġol-kontenitur tal-iskartoċċ.
  • Neħħi l-għatu ta’ barra tal-labra u żommu.
  • Neħħi u armi l-għatu ta’ ġewwa tal-labra.

Meta tkun qed twaħħal il-labra, jistgħu jaqgħu xi qatriet, dan huwa normali.

G: Ipprajmjar

Il-pinna għandha tiġi pprajmjata u ttestjata wara li ddaħħal skartoċċ ġdid u qabel l-ewwel injezzjoni minn kull skartoċċ.

  • Dawwar il-pum tad-doża skont l-arloġġ sakemm tara sinjal ta’ qatra fuq id-displej tad-doża. Kun ċert li ż-żewġ strixxi tal-indikatur ikunu allinjati. Waqt li tkun qed tipprepara doża, il-pinna tipprovdi ħoss ta’ klikk li jinstema’ u reżistenza li tinduna biha.
  • Żomm il-pinna bil-labra tħares ’il fuq.
  • Agħfas il-buttuna fejn tagħfas kollha. Żommha magħfusa sakemm l-indikazzjoni tad-doża tkun ġiet lura għall-pożizzjoni tal-bidu. Irid joħorġ xi qtar tal-mediċina mit-tarf tal-labra.

Jekk ma joħroġx qtar, irrepeti pass G sakemm tara xi qtar. Tirrepetix pass G aktar minn erba’ darbiet, iżda segwi l-istruzzjonijiet mogħtija taħt it-taqsima ta’ Solvien tal-Problemi fuq il-paġna ta’ wara.

Għoti permezz tat-Terrosa Pen

Aħsel idejk sew bis-sapun biex tnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni.
Kun ċert li jkollok lesti:

  • it-Terrosa Pen tiegħek bl-iskartoċċ imdaħħal
  • labra tal-pinna kompatibbli
  • kontenitur għar-rimi ta’ affarijiet jaqtgħu reżistenti għat-titqib għal labar użati.

Tużax il-pinna jekk l-iskartoċċ ikun imċajpar, skulurat jew ikun fih il-frak.
Aqra l-fuljett ta’ tagħrif għal Terrosa skartoċċ ipprovdut separatament.

1. Waħħal il-labra tal-pinna

Uża labra ġdida għal kull injezzjoni. Tużax il-labra tal-pinna jekk il-pakkett għandu l-ħsara jew ma ftaħtux inti.

Nota: M’hemmx bżonn tibdel il-labra meta tużaha direttament wara t-tħejjija tal-pinna. F’dan il-każ, kompli b’pass “2. Kif tissettja d-doża u l-injezzjoni.”

  • Iġbed il-fojl li jitqaxxar.
  • Dawwar il-labra tal-pinna skont l-arloġġ għal fuq il-kontenitur tal-iskartoċċ. Kun ċert li l-labra tal-pinna tkun imwaħħla sew u toqgħod soda ġol-kontenitur tal-iskartoċċ.
  • Neħħi l-għatu ta’ barra tal-labra u żommu.
  • Neħħi u armi l-għatu ta’ ġewwa tal-labra.

Meta tkun qed twaħħal il-labra, jistgħu jaqgħu xi qatriet, dan huwa normali.

2. Kif tissettja d-doża u l-injezzjoni

Twissija: Kun ċert li tuża l-mediċina t-tajba. Iċċekkja t-tikketta tal-iskartoċċ qabel iddaħħlu fil-kontenitur tal-iskartoċċ.

  • Biex tissettja d-doża fissa ta’ kuljum ta’ 80 mikrolitru, dawwar il-pum tad-doża skont l-arloġġ sakemm jieqaf u ma jkunx jista’ jdur aktar. Kun ċert li d-displej turi sinjal ta’ vleġġa u li hija allinjata mal-istrixxa tal-indikatur. Waqt li tkun qed tipprepara doża, il-pinna tipprovdi ħoss ta’ klikk li jinstema’ u reżistenza li tinduna biha. Tippruvax tisforza l-pum tad-doża aktar.

Nota: Jekk l-iskartoċċ ikun fih inqas minn 80 mikrolitru, il-pum tad-doża ma jistax idur skont l-arloġġ sas-sinjal ta’ vleġġa. F’dan il-każ, neħħi l-labra tal-pinna, ibdel l-iskartoċċ u pproċedi bl-ipprajmjar skont il-passi tat-tħejjija tal-pinna.

  • Agħżel sit tal-injezzjoni xieraq u ħejji l-ġilda tiegħek kif rakkomandat mit-tabib tiegħek. Żomm tinja tal-ġilda bil-mod bejn l-ewwel u t-tieni suba’. Daħħal il-labra dritt u bil-mod ġol-ġilda, kif jidher fl-istampa.

Twissija: Evita milli l-labra tal-pinna titgħawweġ jew tinkiser. Tmejjilx il-pinna wara li l-labra tkun iddaħħlet ġol-ġilda. Jekk tmejjel il-pinna, tista’ titgħawweġ jew tinkiser il-labra. Labar miksur jista’ jibqa’ mwaħħel ġol-ġilda. Ikkonsulta tabib immedjatament jekk teħillek labra miksura ġol-ġilda.

  • Agħfas il-buttuna fejn tagħfas sakemm l-indikazzjoni tad-doża tkun ġiet lura għall-pożizzjoni tal-bidu. Żomm il-labra ġot-tinja tal-ġilda għal 6 sekondi oħra.
  • Oħroġ il-pinna bil-mod. Iċċekkja jekk id-displej huwiex fil-pożizzjoni tal-bidu biex tkun ċert li ġiet injettata d-doża sħiħa.

3. Kif tneħħi l-labra tal-pinna

  • Waħħal bil-mod l-għatu ta’ barra tal-labra fuq il-labra tal-pinna.
  • Dawwar l-għatu tal-labra kontra l-arloġġ biex tneħħi l-labra tal-pinna. Armiha kif suppost, pereżempju, f’kontenitur għar-rimi ta’ affarijiet jaqtgħu reżistenti għat-titqib.

4. Erġa’ waħħal l-għatu tal-labra

  • Tneħħix l-iskartoċċ mit-Terrosa Pen qabel ikun vojt.
  • Erġa’ waħħal l-għatu tal-labra wara kull użu.
  • Poġġi t-Terrosa Pen, bl-iskartoċċ imdaħħal, lura fil-friġġ bejn 2 u 8 °C immedjatament wara l-użu.

Nota għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa

Il-politiki professjonali jew istituzzjonali lokali tal-kura tas-saħħa jistgħu jissostitwixxu l-istruzzjonijiet dwar l-immaniġġjar u r-rimi tal-labra.

Informazzjoni addizzjonali

Il-pinna ta’ doża fissa li tista’ terġa’ tintuża hija mfassla għal għoti faċli ta’ Terrosa biex tikkura l-osteoporożi. Kull Terrosa skartoċċ fih 28 doża ta’ 80 mikrolitru fiss ta’ Terrosa.
Uża t-Terrosa Pen tiegħek kif qallek it-tabib tiegħek, kif hemm miktub f’dawn l-Istruzzjonijiet għall-użu u skont il-fuljett ta’ tagħrif ta’ Terrosa.
It-Terrosa Pen tista’ tintuża minn pazjenti li jagħtu l-injezzjoni lilhom infushom ta’ età ’l fuq minn 18-il sena, professjonisti tal-kura tas-saħħa jew partijiet terzi bħal, pereżempju, qraba adulti.
It-Terrosa Pen m’għandhiex tintuża minn pazjenti għomja jew b’vista batuta mingħajr għajnuna minn persuna bla diżabilità u li tkun imħarrġa. Ikkonsulta t-tabib tiegħek f’każ ta’ problemi ta’ smigħ jew ta’ maniġġ.

Il-labar tal-pinna għandhom jintużaw darba biss u t-Terrosa skartoċċ għandu jintuża minn persuna waħda biss.

Ħażna u kura tat-Terrosa Pen

  • Immaniġġja l-pinna tiegħek b’attenzjoni. Twaqqax il-pinna tiegħek u evita milli tħabbatha ma’ uċuħ ibsin. Ipproteġiha mill-ilma, trab u umdità.
  • Biċċa niedja hija biżżejjed biex tnaddaf it-Terrosa Pen. Tużax alkoħol, solventi jew aġenti oħra tat-tindif. Qatt iddaħħal it-Terrosa Pen fl-ilma, peress li dan jista’ jagħmel ħsara lill-pinna.
  • Tużax it-Terrosa Pen tiegħek jekk għandha l-ħsara jew jekk għandek xi dubju dwar kif suppost taħdem.
  • Ittrasporta u aħżen it-Terrosa Pen bl-iskartoċċ imdaħħal f’temperaturi speċifikati fil-fuljett ta’ tagħrif ta’ Terrosa, ipprovdut separatament.
  • Aħżen it-Terrosa Pen tiegħek, skrataċ u labar tal-pinna fejn ma jintlaħqux mit-tfal.
  • Taħżinx it-Terrosa Pen b’labra mwaħħla peress li dan jista’ jikkawża li jiffurmaw bżieżaq tal-arja fl-iskartoċċ.

Rimi ta’ Terrosa Pen u u aċċessorji użati

It-Terrosa Pen għandha ħajja operattiva ta’ sentejn. Qabel tarmi t-Terrosa Pen, dejjem neħħi l-labra tal-pinna u l-iskartoċċ. Il-labar u l-iskrataċ użati għandhom jintremew separatament u b’mod sigur. It-Terrosa Pen tista’ tintrema skont l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet lokali.

Twissijiet

Segwi l-istruzzjonijiet ippreżentati f’dawn l-istruzzjonijiet għall-użu. Jekk ma jiġux segwiti l-istruzzjonijiet, hemm riskju ta’ medikazzjoni inkorretta, dożaġġ mhux preċiż, trażmissjoni ta’ mard jew infezzjoni. Fittex parir mediku immedjat jekk għandek xi tħassib dwar is-saħħa.

Solvien ta’ problemi

Segwi l-istruzzjonijiet mogħtija fit-tabella jekk għandek xi mistoqsijiet dwar l-użu ta’ Terrosa Pen:

Mistoqsija Tweġiba
1. Jidhru bżieżaq tal-arja żgħar fl-iskartoċċ. Bużżieqa tal-arja żgħira mhijex ser taffettwa d-doża, jew tagħmel ħsara.
2. Il-labra ma tistax teħel. Uża labra oħra minflok.
3. Il-labra miksura/mgħawġa/mibruma. Uża labra oħra minflok.
4. Waqt il-preparazzjoni tad-doża, il-pinna ma tipprovdix sinjal li jinstema’. Tużax din il-pinna.
   
5. Ma toħroġx mediċina mil-labra waqt il-pass “G: Ipprajmjar” tat-tħejjija tal-pinna. Ibdel il-labra u rrepeti l-ipprajmjar kif deskritt fis-sezzjonijiet tat-tħejjija tal-pinna “F” u “G”. Jekk xorta ma toħroġx mediċċina, tużax din il-pinna.
6. Il-pum tad-doża ma jistax idur skont l-arloġġ sas-sinjal ta’ vleġġa. L-ammont ta’ Terrosa li jifdal fl-iskartoċċ huwa inqas minn 80 mikrolitru. Ibdel l-iskartoċċ u l-labra tal-pinna u wettaq ipprajmjar skont it-tħejjija tal-pinna.
7. Id-displej ma jerġax lura għall-pożizzjoni tal-bidu wara l-injezzjoni. Tirrepetix l-injezzjoni fl-istess jum. Uża labra ġdida għall-injezzjoni tiegħek fil-jum li jmiss. Issettja d-doża u temm l-injezzjoni kif deskritt f’sezzjoni “2. Kif tissettja d-doża u l-injezzjoni”. Jekk id-displej xorta ma jerġax lura għall-pożizzjoni tal-bidu wara l-injezzjoni, tużax din il-pinna.
8. Osservajt tnixxija mill-pinna. Tużax din il-pinna.
9. Il-pum tad-doża aċċidentalment dar skont l-arloġġ wara li lestejt l-injezzjoni. Kif nerġa’ nissettja l-pum tad-doża għall-pożizzjoni tal-bidu? Tagħfasx il-buttuna fejn tagħfas. Erġa’ ssettja l-pinna billi sempliċiment iddawwar lura l-pum tad-doża kontra l-arloġġ għall-pożizzjoni tal-bidu.